Permezz tal-avukat tagħha, il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) bgħatet ittra lill- Ministru Helena Dalli b’referenza għat-tilwima industrijali pendenti li l-unjin għandha rigward ir-rikonoxximent tagħha bħala l-unjin rappreżentattiva tax-xufiera mal-Malta Public Transport Services.
Dan wara li issa għaddew aktar minn xagħrejn minn mindu din il-kwistjoni qamet u s-sitwazzjoni għada status quo.
Saret ukoll referenza għall-ittra tal-21 ta’ Ġunju, li l-UĦM bgħatet lil Ministru responsabbli mit-Trasport, Joe Mizzi, fejn it-talba tal-unjin ġiet miċħuda.
Għaldaqstant, il-UĦM qed titlob lil Ministru Dalli biex tirreferi il-każ tagħha lit-Tribunal Industrijali biex jkun deċiż mingħajr dewmin u dan fl-aħjar interess tax-xufiera li l-unjin għandha dritt tirrapreżenta.