fbpx

Il-UĦM twaqqaf transfers fl-Enemalta

Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar, il-UĦM kellha laqgħa urġenti mal-maniġment tal-Enemalta peress li numru ta’ ħaddiema membri tal-UĦM ingħataw transfers mingħajr ebda konsultazzjoni u saħansitra kontra l-ftehim kollettiv.

Il-maniġment insista li dawn il ħaddiema għandhom jiġu trasferiti minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Frar. Għall-UĦM dan mhux aċċettabli għax il-ħaddiema għandhom jingħataw ħin xieraq biex jevalwaw sew kif ser jaffetwawhom it-transfers. Il-UĦM għamlitha ċara lill-maniġment li jekk mhux ser jingħata dan il-ħin, il-union se toħrog direttivi lill membri tagħha biex ma jaċċettawx it-transfers. Fid-dawl ta’ dan kollu, intlaħaq qbil li t-tranfers ma jsirux sakemm il-membri tal-UĦM jkunu jistgħu jiddiskutu l-kundizzjonijiet tax-xogħol mal-union tagħhom.

Il-UĦM oġġezzjonat ukoll għall-kliem qarrieqi  li qed juża l-maniġment tal-Enemalta fl-ittri ta’ trasferiment li qed jingħataw lill- ħaddiema. Din l-ittra tgħid: “Għandi pjaċir ninfurmak li l-Engineering Resources Ltd laqgħet it-talba sabiex inti tiġi ssekondat”. Il-UĦM tisħaq li l-ebda membru tagħha m’għamel talba biex jiġi trasferit jew sekondat. Għal dan, il-maniġment dawwar il-kliem u qal li t-talba tat-trasferiment kienet saret mill-Enemalta plc u mhux mill-ħaddiema. Fl-isfond ta’ dan kollu, il-UĦM tesiġi li l-Enemalta u l-Engineereng Resources Ltd ma jibqgħux iqarrqu bil-ħaddiema u jkunu ċari fl-ittri ta trasferimenti li qed jinħarġu.

Għaldaqstant, il-UĦM qed tikkunsidra wkoll il-mezzi kollha disponibbli għaliha skond il-liġi sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema ta’ l-Enemalta u l familji tagħhom u tappella lill-Prim Ministru biex iżomm mal-wegħda li saritilhom qabel l-elezzjoni – dik li “l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mhux se jiġu mittiefsa”.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment