Il-UĦM Voice of the Workers kif ukoll l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed jitolbu liż-żewġ partiti l-kbar sabiex, minnufih wara l-Elezzjoni Ġenerali, il-kuntratt ma’ Vitals Global Health Care ikun pubblikat b’mod sħiħ, u xejn ma jiġi moħbi.
Dan kif diġà ġie deċiż b’mod unanimu fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, li l-kuntratti ma’ Vitals jiġu investigati mill-Awditur Ġenerali mill-aktar fis sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jserħu moħħhom li l-affarijiet saru sewwa u skont il-liġi.
Il-UĦM Voice of the Workers u l-MAM għadhom isostnu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-Vitals u l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Il-pożizzjoni tibqa’ l-istess waħda, jiġifieri, li ż-żewġ unions ma jaċċettawx li l-Gvern jipprivatizza kwalunkwe servizz tas-saħħa fil-preżent jew fil-futur mingħajr konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.
Wieħed japprezza li ż-żewġ unions imsemmija ma jistgħux ikunu leali lejn il-membri fil-ħidma tagħhom meta l-istampa mhix ċara.