Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) laqqgħet il-Kumitat Eżekuttiv tagħha bejn l-Erbgħa 15 u l-Ħamis 16 ta’ Marzu 2017.
Il-UĦM Voice of the Workers, li wkoll hi membru fl-ETUC, attendiet din il-laqgħa flimkien ma’ rappreżentanti mill-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU).
Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-laqgħa u qal li Ewropa mingħajr drittijiet soċjali hi Ewropa bla ruħ. Hu qal li l-Kummissjoni Ewropea tinsab qrib biex taqbel li d-drittijiet soċjali għandhom ikunu l-pilastru prinċipali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru stqarr li Malta qed tappoġġja lill-moviment trejdunjonistiku fil-kampanja Ewropea għal żieda fil-pagi. Żied li l-Gvern diġa’ wera l-intenzjoni li jżid il-paga minima u sostna li t-taħditiet mal-imsieħba soċjali mixjin b’ritmu tajjeb.
Luca Visentini, is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, saħaq fl-introduzzjoni tiegħu, dwar l-urġenza li jkunu trattati id-drittijiet tal-ħaddiem, il-prekarjat u x-xogħol diċenti.
Matul il-jumejn tal-laqgħa, ġew diskussi numru ta’ dokumenti u resoluzzjonijiet tal-ETUC, bis-sehem ta’ diversi delegati minn trade unions Ewropej li għamlu l-interventi u l-kummenti tagħhom.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC wieġeb għal ħafna interventi li sarulu u rrimarka li hu jifhem id-diffikultajiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-Ewropa. Hu qal li l-ETUC trid tindirizza lill-gvernijiet Ewropej sabiex id-djalogu soċjali jissaħħaħ. Luca Visentini saħaq dwar l-importanza li l-pajjiżi Ewropej jaċċettaw id-dimensjoni soċjali għal Ewropa soċjali.
Fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-ETUC, saret sejħa biex fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ikun hemm protezzjoni għall-whistleblowers, jiġifieri dawk li jikxfu l-korruzzjoni. Tqajmet il-kwistjoni tal-movimenti populisti f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, u hawnhekk il-ETUC esprimiet solidarjeta’ mal-integrazzjoni.
Iżda l-qofol tad-diskussjoni kkonċerna l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fejn il-ETUC għadha qed tinsisti fuqha. Hawnhekk issemmiet il-Brexit u r-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija Ingliża. Għall-ETUC, l-importanti hu l-mod kif id-drittijiet soċjali se jkunu trattati.
Intant l-ETUC se torganizza konferenza dwar is-saħħa u s-sigurta’ f’Malta fit-28 ta’ April 2017.