Uffiċjali minn UĦM Voice of the Workers attendew u pparteċipaw fil-Freshers’ Week tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) f’Raħal Ġdid it-Tnejn 2 ta’ Ottubru 2017. Għal din l-okkażjoni qed jintuża l-mobile office tal-union.
Fi stand armat tal-apposta matul l-ewwel jum tal-Freshers’ Week, Mario Sacco u Isabelle Farrugia, Employment Relations Senior Manager u Employment Relations Manager rispettivament, fissru l-importanza li wieħed jissieħeb f’union. Attendiet ukoll Xanthe’ Farrugia, eks studenta tal-MCAST u ħaddiema ta’ FSS Ltd., il-kumpanija sussidjarja tal-UĦM.
L-istudenti tal-ewwel sena tal-MCAST ingħataw tagħrif mill-uffiċjali tal-UĦM dwar id-diversi servizzi provduti mill-union, li hi t-tieni l-akbar f’Malta. Fil-fatt tqassmu fuljetti bl-informazzjoni relatata u li tikkonċerna lill-istudenti kif ukoll ixxandar filmat dwar ħidmet il-Union.
L-istudenti ġew mistiedna jieħdu sehem f’kompetizzjoni kif ukoll ġew imħeġġa jiffirmaw petizzjoni dwar kwistjoni li tolqot lilhom, jiġifieri, dwar jekk jaqblux li l-eżamijiet isiru qrib il-lokalita’ tagħhom f’ċentri moderni u mgħammra bl-arja kundizzjonata. It-tema ta’ din il-petizzjoni hi waħda mill-proposti li l-UĦM Voice of the Workers qed tressaq għall-Budget 2018.
Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, żar l-istand immexxija mill-UĦM u faħħar lil din il-union għall-kontribut li qed tagħti, mhux biss fl-impenn trejdunjonistiku, imma wkoll fil-qasam edukattiv u fit-taħriġ li jingħata liż-żgħażagħ u lill-adulti.
Intant aktar uffiċjali tal-UĦM Voice of the Workers ikkontribwew fil-Freshers’ Week tal-MCAST it-Tlieta 3 ta’ Ottubru 2017. Ian Mark Zammit u Charles Vella, Employment Relations Assistant Managers, ħadu ħsieb l-istand matul il-jum tat-Tlieta u rrappurtaw konkorrenza tajba mill-istudenti. Fil-fatt ħafna żgħażagħ laqgħu l-istedina tal-union u ħadu sehem fil-kompetizzjoni kif ukoll iffirmaw il-petizzjoni li tħejjiet proprju għalihom. Għat-tieni jum tal-Freshers’ Week fl-MCAST attendiet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
L-istess andament ġie deskritt minn Antoinette Aquilina u Michael Grech, Employment Relations Manager u Employment Relations Assistant Manager rispettivament. Minkejja l-maltemp li ħakem il-jum tal-Erbgħa 4 ta’ Ottubru, l-istudenti xorta waħda żaru l-istand u ħadu interess jistaqsu dwar ir-rwol tal-UĦM fis-soċjeta’ Maltija. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia attendew il-Freshers’ Week u żaru l-istand tal-UĦM Voice of the Workers matul il-jum tal-Erbgħa.