Il-UĦM Voice of the Workers u s-CMTU bagħtu ittra konġunta lill-Ministru Helena Dalli rigward il-pożizzjoni tat-Tribunal Industrijali. F’din l-ittra huma elenkaw li matul il-laqgħa mal-Employment Relations Board (ERB) kienu diġa tressqu lmenti dwar punti mressqa min-naħa tal-Gvern u li ma kienx hemm qbil dwarhom. Dan minħabba li każijiet pendenti li hemm quddiem it-tribunal jistgħu jiġu ddikjarati nulli fuq punti legali.
Għaldaqstant, fl-ittra iż-żewġ unions qed jesprimu d-diżappunt tagħhom għall-fatt li d-diskussjoni tkompliet fil-Parlament u dan jista’ jagħti l-impressjoni li kien hemm xi qbil bejn il-partijiet. Ta’ min jinnota wkoll li diversi għaqdiet fi ħdan l-ERB issa wkoll qegħdin jaqblu ma’ dan it-tibdil hekk kif propost mill-UĦM Voice of the Workers u s-CMTU.
Għalhekk, kemm il-UĦM Voice of the Workers u s-CMTU qed jappellaw biex issir laqgħa mal-Ministru Dalli mill-aktar fis biex isiru aktar diskussjonijiet dwar kif isiru l-ħatriet tac-Chairperson fuq it-Tribunal Industrijali qabel ma jiġu ppreżentati aktar emendi fil-Parlament.