It-Taqsima għas-Servizz Pubbliku ta’ UĦM Voice of the Workers iffirmat ftehim għall-EIRA Inspectors li jġib żieda fl-allowance tagħhom b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.
Dan il-ftehim intlaħaq wara li UĦM Voice of the Workers ħadmet qatigħ biex tissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema. Il-EIRA inspectors issieħbu membri fil-UĦM u wara ġimgħat sħaħ ta’ negozjati l-amministrazzjoni aċċettat li l-UĦM, bi dritt, tingħata l-għarfien ewlieni tagħhom.
Il-UĦM Voice of the Workers kienet iżżomm laqgħat regolari ma’ dawn il-ħaddiema u bdiet ħidma ta’ negozjati sabiex ikun hemm titjib fl-allowance ta’ dawn il-ħaddiema. Dan bl-iskop li tirrifletti b’mod ġust il-livell ta’ responsabbilta’ li huma jwettqu. Il-proċess ta’ negozjati ma kienx wieħed faċli, tant li l-Union kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali li damu għaddejjin għaxar ġimgħat sħaħ.
Ix-xogħol ta’ l-EIRA Inspectors ikopri t-tħaris fl-interessi tal-partijiet f’kuntratti tal-impjiegi fis-setturi kollha tal-ekonomija Maltija; jinkludi wkoll it-tisħiħ fir-relazzjonijiet ta’ impjiegi tajbin. Dawn huma l-ħaddiema li jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-impieg ta’ kull impjegat ikunu f’konformità mal-liġi tax-xogħol u li jassiguraw li d-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ kull parti fil-kuntratt tax-xogħol jiġu mħarsa.
Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema jipproteġu d-drittijiet tal-impjegati meta l-impjieg tagħhom jiġi tterminat. Dan ix-xogħol kollu jsir kemm meta ħaddiema jirrikorru għand id-Dipartiment, kif ukoll permezz ta’ spezzjonar fil-postijiet tax-xogħol.
UĦM Voice of the Workers tilqa’ b’sodisfazzjon dan il-ftehim milħuq u tħoss li dawn il-ħaddiema akkwistaw benefiċċji ġodda bis-saħħa tal-UĦM kif ukoll ħlasijiet li mistennija jingħataw mal-paga li jmiss.