fbpx

Is-surplus għandu jiżdied bi pjan ekonomiku fit-tul


“Is-surplus għandu jiżdied b’riformi strutturali fl-ekonomija u bi pjan ekonomiku fit-tul.” Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha il-proposti ta’ din  il-union għas-sena d-dieħla ġew ippreżentati lill-media.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers staqsa min qed igawdi mis-surplus li tħabbar mill-Gvern f’ekonomija li sejra tajjeb. Hu qal li s-surplus mhu xejn għajr eżerċizzju tal-accounting. Josef Vella qal li l-mistoqsija ma  tridx tkun “min qed igawdi mis-surplus?” imma “dan  is-surplus kif qed jirriżulta? Josef Vella stqarr li d-dħul mill-bejgħ tal-passaporti għandu effett parzjali fuq  is-surplus. Imma x’impatt se jħalli fil-futur? Dan is-settur se jibqa’ hemm għal dejjem jew xi darba   trid  tinqata’ linja u l-bejgħ jieqaf?

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers staqsa x’se jiġri mill-ekonomija meta l-bejgħ tal-passaporti jieqaf. Josef Vella qal li  għandna naħsbu iżjed fit-tul u l-UĦM mhux qed tgħid li l-bejgħ tal-passaporti għandu jintrema ‘l barra.

Dwar il-kumpaniji tal-iGaming, Josef Vella stqarr li fl-Ewropa hemm moviment qawwi sabiex din l-industrija tiġi ristretta. Illum jew għada din l-industrija wkoll tista’ ġġarrab mill-effetti tagħha. Josef Vella staqsa dwar kemm dan is-surplus hu sostenibbli. “Għandna alternattivi meta dan is-surplus jixxotta?”, staqsa l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers.

Josef Vella ta raġuni oħra dwar  minn fejn qed  jirriżulta dan is-surplus. Josef Vella qal li qed  ikun hawn  kumpaniji li qed jirreġistraw ruħhom  f’pajjiżi għal skopijiet ta’ taxxa. Il-UĦM tawgura li din  l-industrija tissaħħaħ imma min-naħa l-oħra għandna noqogħdu attenti għax leġislazzjoni dwar it-taxxa minn Brussell tista’ tagħmel lil Malta inqas kompetittiva għal dawn  il-kumpaniji.

Josef Vella tkellem ukoll dwar it-turiżmu u qal li wieħed irid  jistaqsi kemm in-numru qed  irendi fl-ekonomija. Hu qal li minkejja li n-numri ta’ turisti qed jiżdiedu,  in-nefqa qed tonqos u allura l-enfasi trid tkun dwar turisti ta’ kwalita’. “Ħafna drabi qed nifirħu bin-numru imma l-pajjiż ma  jiflaħx il-kwantita’….irridu naħsbu fil-kwalita’,”sostna l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers.

Dwar il-qasam tal-kostruzzjoni, Josef Vella staqsa jekk l-iżvilupp li qed isir hux sostenibbli, kemm mill-aspett ambjentali kif ukoll mill-aspett ekonomiku. Hu qal li jeħtieġ li jkun hawn pjan serju u fit-tul dwar dan is-settur.

F’ekonomija li sejra tajjeb, kompla Josef Vella, irridu nistrieħu meta l-pajjiż ma jifdallux fondi Ewropej. Wieħed ma jridx jinsa li l-investiment  li qed jagħmel il-Gvern ġej  mill-fondi Ewropej. “Kieku jkollna, mill-accounting exercise, inneħħu l-investiment mill-Ewropa, ngħidu li s-setturi domestiċi ekonomiċi waħidhom qed jagħmlu profitt jew surplus? It-tweġiba hija le”, sostna Josef Vella.

Hu qal li filwaqt li  l-qasam tas-saħħa hu b’xejn, pajjiżna hu wieħed mill-aktar pajjiżi li jonfoq flus fil-kura tas-saħħa privata. Din għandha  twassal messaġġ u wieħed għandu jirrifletti u jgħid li hawn xi ħaġa ħażina. “U żgur li hawn xi ħaġa ħażina….hawn ineffiċjenza kbir fl-infiq pubbliku u li jikkonċerna lis-saħħa,”sostna Josef Vella filwaqt li żied li “l-Gvern isibha bi tqila biex imur għall-proposta tal-UĦM ħalli jagħmel koperattiva fis-saħħa”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li  l-Gvern qed ipoġġi fl-istess borma l-faqar  u  l-esklużjoni soċjali u jgħid li  dawn qed jonqsu. Imma jekk dawn jinfirdu minn xulxin u nitkellmu fuq dawk li qegħdin fir-riskju tal-faqar, in-numri qed jiżdiedu. Li qed  jonqsu,  sostna Josef Vella, huma  n-numri ta’ dawk li  huma esklużi soċjalment. Hu żied li l-inugwaljanza, statistikament, żdiedet u mhux naqset.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-ekonomija veru li sejra tajjeb imma rridu nikkwantifikawha. Hemm affarijiet li mhumiex sejrin tajjeb u  li għaldaqstant iridu jissaħħu.

Intant, fil-konferenza tal-aħbarijiet, Josef Vella elenka  numru ta’ proposti li tressqu minn din il-union għall-Budget 2018.

Hawn taħt għandkom issibu il-proposti tal-UĦM kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż:

UHM Budget Proposals – English Version 2018

UHM Budget Proposals – Maltese Version 2018

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment