Impjegati tal-Fondazzjoni tal-Konkattidral ta’ San Ġwann tħallew bla paga u ma tħallsux fil-ħin bi ksur tal-ftehim kollettiv. Dan wassal biex il-UĦM Voice of the Workers toħroġ direttivi lill-ħaddiema. Din ma kinitx l-ewwel darba li seħħ dan in-nuqqas.
Kien nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Settembru meta l-ħaddiema kienu notifikati permezz ta’ e-mail mill-Fondazzjoni li fiha ntqal li minħabba problemi tekniċi mal-Bank APS ma kienux ser jirċievu l-paga dakinhar.
Mitlub jagħti spjegazzjoni, il-management tal-Fondazzjoni tefa’ l-ħtija fuq il-bank u anki waħħal fil-mod kif jinħadmu l-pagi. Filwaqt li l-union ippreżentat evidenza li tikkonferma li din ma kinitx l-ewwel darba li seħħ nuqqas serju bħal dan, insistiet li tinstab soluzzjoni biex il-ħaddiema jitħallsu dakinhar, skont kif hemm imniżżel fil-ftehim kollettiv.
Madankollu, il-management baqa’ ma pprovda ebda soluzzjoni aċċettabbli b’riżultat li l-UĦM ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li toħroġ direttiva biex mill-għada l-ħaddiema jirrapportaw għax-xogħol bi ħwejjeġ oħra minflok bl-uniformi. Dan il-pass ittieħed fl-isfond tas-sitwazzjoni mwegħra li sabu ruħhom fiha l-impjegati tal-Fondazzjoni minħabba biża’ li ma jonorawx pagamenti ta’ kull xahar bħal self, kirjiet u anki l-ispejjeż li ġġib magħha l-bidu ta’ sena skolastika ġdida.
Il-UĦM tesprimi d-diżappunt tagħha li minkejja li b’sinjal ta’ rieda tajba issospendiet id-direttiva nhar it-Tnejn 27 ta’ Settembru meta l-ħaddiema bdew jirċievu l-pagi, il-management xorta mhux qed jifhem ir-riperkussjonijiet serji li din it-traskuraġni ġabet magħha. Barra minn hekk mhux aċċettabbli l-atteġjament tal-management li l-ħaddiema għandhom joqgħodu jiġġustifikaw ruħhom dwar ir-raġunijiet biex jitħallsu fil-ħin.
Il-UĦM tittama li l-management juri l-istess rieda tajba li wriet din il-union u b’mod responsabbli jevalwa l-proċeduri interni ħalli nuqqas serju bħal dan ma jerġax iseħħ u b’hekk il-ħaddiema jkun jistgħu jserrħu moħħhom li se jirċievu l-paga fid-data maqbula u mhux bit-taqtigħ il-qalb.