Il-UHM Voice of the Workers tixtieq turi sogħba tagħha għal kull mewt u inċident li jsir fuq il-post ta’ xogħol, liema inċidenti huma l-aktar fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-UHM Voice of the Workers tappella biex is-settur tal-kostruzzjoni jagħmel riformi u liġijiet biex l-ħaddiema f’dan il-qasam jkunu salvagwardjata. Għandu jkun hemm emendi leġislattivi bil-għan li l-OHSA jkunu involuti fl-inkjesti dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fi sforz biex jitħaffef il-proċess.
Din l-Union temmen li minbarra li tiġi stabbilita responsabbiltà kriminali, l-inkjesti jistgħu wkoll jindirizzaw għanijiet usa’. Hawnhekk tidħol il-kwistjoni tal-inkjesti pubbliċi. Dan għaliex l-għan ta’ inkjesta pubblika huwa li jidentifikaw nuqqasijiet istituzzjonali li setgħu wasslu għal tali inċidenti u jistabbilixxu protokolli biex jissaħħu s-salvagwardji. Għalhekk il-proposta biex titnieda inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia timmerita konsiderazzjoni serja.
Biex l-ebda mewt ma tkun għalxejn, il-UHM Voice of the Workers temmen li inkjesta pubblika se servi biex titfa’ dawl fuq il-klima ta’ impunità filwaqt li tindika nuqqasijiet serji li għandhom jiġu indirizzati biex l-istorja ma tirrepetix ruħha.
Fil-każ tal-industrija tal-kostruzzjoni, l-inkjesta pubblika tkun qed sservi biex tieħu stampa tas-sitwazzjoni u possibbilment tindika kif din l-industrija, li bħalissa hija waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija, tista’ tiġi regolata aħjar bit-tama li jonqos il-periklu għall-ħaddiema u għal terzi.
FL-aħħarnet, il-UHM Voice of the Workers tappella lil employers fil-qasam tal-kostruzzjoni sabiex jifhmu l-ħtieġa li dan is settur jkun regolat minn ftehim settorali fejn l-importanza tal-prattiċi tajbin u s-saħħa u s-sigurtà jingħataw għarfien speċjali.