fbpx

Insult għall-ispettorati u għal kull frontliner

Il-UĦM Voice of the Workers issellem lill-Ispettorat tas-Saħħa, li l-union tirrapreżenta, flimkien mal-Pulizija li tul dawn l-aħħar xhur kienu qed jassiguraw id-dixxiplina biex ma jkomplix it-tixrid tal-COVID-19.

Issellem wkoll lill-ħaddiema front-liners partikularment dawk il-ħaddiema li l-union tirrapreżenta, fosthom l-Allied Health Professionals u professjonisti oħrajn fil-qasam tas-saħħa, Farmaċisti u Pharmacy Technicians, Dentisti u l-assistenti tagħhom li kienu qed jgħinu fl-iswabbing, lill-Allied Assistants, lill-Carers, lill-Inġiniera tal-Isptarijiet, lill-Ħaddiema Tekniċi, lill-Ħaddiema tas-Sigurtà li jaħdmu fil-qasam tas-Saħħa, kif ukoll lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu fuq ordnijiet ta’ mediċini. Dawn il-ħaddiema kollha wasslu biex ma kellniex l-istraġi li kellhom pajjiżi oħrajn fir-rigward tal-imxija tal-COVID.

Din il-union tħoss li l-messaġġ tal-Prim Ministru fuq it-televiżjoni lbieraħ kien wieħed ta’ insult, kemm għal dawn il-ħaddiema, kif ukoll għal dawk in-nies ta’ rieda tajba li segwew kull parir mogħti lilhom mill-awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-UĦM Voice of the Workers tħoss li qed jintbagħtu ħafna mixed messages bejn dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-Saħħa u dak li qed jgħid il-Prim Ministru. Filwaqt li l-awtoritajiet tas-Saħħa qed jitolbu kawtela mill-pubbliku u l-messaġġ huwa li noqgħodu attenti, il-Prim Ministru qed iwassal il-messaġġ li l-COVID-19 għadda u li l-mewġ qiegħed fil-baħar. Fl-isfond ta’ dawn il-messaġġi, jidher li l-illaxkar tal-miżuri mhux qed isir wara konsultazzjoni u ftehim, iżda minflok qed jittieħdu b’mod li m’hemm ebda studju warajhom. Dan qed iwassal li l-Prim Ministru qed jilgħab russian roulette li fil-mument li tiġik ħażina, ifalli kollox.

Fir-rigward li lbieraħ il-Prim Ministru qal li kull min weħel ċitazzjoni u saħansitra anke dawk li ħallsuha jista’ jingħata l-flus lura, il-Union tfakkar li bħal kull ċitazzjoni oħra, din tista’ tiġi appellata, irrelevanti x’jgħid il-Prim Ministru. Għalhekk huwa fid-diskrezzjoni tal-Arbitru sabiex jiddeċiedi jekk il-każ ħaqqux li jerġa’ jiġi kunsidrat jew le. Il-kliem tal-Prim Ministru kemm ilbieraħ, kif ukoll illum ifisser aktar taħwid fil-borma sabiex ikun hemm indħil fl-istituzzjonijiet, u tali indħil mhuwiex aċċettabbli.

Din il-union tisħaq illi ladarba, skont l-Prim Ministru, il-COVID għadda u għandna nerġgħu lura għan-normal:

  • il-postijiet tax-xogħol kollha li huma miftuħa jew dawk li se jiftħu, iridu jippreżentaw risk assessment kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq il-klijenti;
  • jieħu ħsieb li ma nesponux lill-front liners għal xi mewġa oħra li tista’ twassal għall-burnout tal-istess ħaddiema;
  • importanti li l-Prim Ministru jagħmilha ċara li l-vulnerabbli għandhom jibqgħu jiġu protetti dment li l-awtoritajiet tas-Saħħa ma jiddikjarawx li l-istat tal-emerġenza ma jibqax eżistenti;
  • Meta sar il-ftehim bejn il-partijiet soċjali, dan il-Ftehim kien jgħid li €800 se joħroġhom il-Gvern u €400 se joħroġhom l-employer. Wara li sar dan il-ftehim deher biċ-ċar li l-Gvern ħareġ bi skema fejn l-employer jista’ jitlob li jiġi eżentat mill-€400 miftehma. Din il-union tibqa’ tisħaq li f’tali ċirkustanza l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għalihom hu, sabiex il-ħaddiem ma jerfax piż iżjed minn dak miftiehem;
  • Din il-union tippretendi illi fil-pakkett tat-8 ta’ Ġunju l-Gvern għandu jħabbar li għandu jingħata rikonoxximent monetarju lill-front liners tas-servizzi essenzjali kollha.

Din il-Union qed tistenna illi fil-budget ta’ nhar it-Tnejn ikun fih injezzjoni finanzjarja mibnija b’politika nazzjonali b’miżuri ekonomiċi u soċjali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment