Uffiċjali minn UĦM Voice of the Workers, flimkien ma’ ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir, ippreżentaw ittra lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-membri miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti qabel ma bdiet seduta parlamentari li matulha ġie diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Media u d-Defamazzjoni.
Il-preżentazzjoni tat-tieni ittra mill-ħaddiema lill-Prim Ministru saret biex tkompli tkun enfasizzata s-sitwazzjoni preżenti tal-ħaddiema fl-Awtorita’ tax-Xandir, sitwazzjoni inkwetanti li trid tiġi indirizzata bla ebda dewmien jew xkiel.
F’messaġġ qasir tal-okkażjoni, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li l-ħaddiema ilhom jiġu umiljati mindu Tanya Borg Cardona ħadet it-tmun tal-Awtorita’, u issa jinsabu mxebbgħin bil-qagħda li jinsabu fiha.
Josef Vella stqarr li hi xi ħaġa ironika li filwaqt li għandna strutturi li jirregolarizzaw il-media, fl-istess waqt qed ‘naqilgħu l-għajnejn’ li jħarsu u li jiskrutinjaw il-mezzi tax-xandir. Dan meta ninsabu fl-għatba ta’ elezzjoni ġenerali.
Josef Vella appella lill-membri parlamentari sabiex jieħdu l-ittra ffirmata mill-ħaddiema bis-serjeta’ u jieħdu lill-istess ħaddiema bis-serjeta’. “Mhux biżżejjed li jkollna Gvern li jisma’ imma l-importanti li jisma’ u jieħu azzjoni”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wkoll ingħata kopja ta’ l-ittra u f’kummenti lill-media qal li fl-Awtorita’ tax-Xandir hemm kriżi ċara. Hu qal li l-ħaddiema kollha ħarġu kontra ċ-Chairperson Tanya Borg Cardona u qed jitolbu r-riżenja tagħha. Simon Busuttil qed jittama li l-Prim Ministru ma jħallix kriżi bħal din għaddejja għax l-Awtorita’ tax-Xandir hi awtorita’ kostituzzjonali u jekk hi staġnata, allura hemm effett ħażin fuq ix-xandir f’pajjiżna.
Wara li ġie ppreżentat bl-itta mill-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jkun qed jiltaqa’ mal-ħaddiema u talab li jsiru verifiki tad-deċiżjonijiet kollha li saru.
Josef Vella qed jittama li din il-laqgħa ssir mill-aktar fis u wieħed irid jixtarr kliem il-Prim Ministru u jifhem sewwasew x’inhuma l-verifiki li jridu jsiru tad-deċiżjonijiet kollha li saru.
Sadattant fil-bidu tas-seduta parlamentari tat-Tlieta 21 ta’ Marzu, il-Prim Ministru tenna li l-Awtorita’ tax-Xandir hi awtorità imwaqqfa mill-Kostituzzjoni, tgawdi minn awtonomija sħiħa, ma tiħux ordnijiet mill-Gvern u d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu mill-Bord tad-Diretturi.
Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari. Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru dwar x’inhi r-reazzjoni tiegħu għall-ittra ffirmata mill-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir. Il-Prim Ministru wieġeb li permezz tas-Segretarju Permanenti, il-Bord tal-Awtorita’ tax-Xandir ġie konxju tal-gravita’ tas-sitwazzjoni u appella liż-żewġ naħat biex juru rieda tajba u jaslu għal ftehim.