Uffiċjali tal-UĦM iltaqgħu mal-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli fil-kwartieri tal-union fil-Furjana dalgħodu.
Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, fost oħrajn, tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm aktar komunikazzjoni u koordinazzjoni rigward oqsma li l-Ewro Parlamentari Laburista hi responsabbli minnhom, għall-ġid ta’ Malta u ċ-ċittadini tagħha.
Hu qal li l-union tapprezza jekk l-ewro parlamentari Maltin jgħinu iżjed fil-kisba ta’ informazzjoni li toħroġ mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM stqarr li l-union hi interessata dwar l-imprenditorija fost iż-żgħażagħ u l-SMEs – żewġ setturi li l-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli hi responsabbli minnhom fil-Parlament Ewropew. Josef Vella saħaq li l-UĦM trid tara liż-żgħażagħ Maltin ikunu mħeġġa jew megħjuna biex jisfruttaw minn opportunitajiet li jwasslu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Min-naħa tagħha, l-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli fissret ix-xogħol li qed tagħmel fid-dekasteru tagħha kif ukoll qassmet xi ideat mal-uffiċjali tal-UĦM – ideat li jistgħu jissarrfu fi proġetti jew inizjattivi fiż-żmien li ġej.