fbpx

Remote Working huwa Essenzjali

Il-UĦM Voice of the Workers tinsab imħassba bin-numru ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19 li qed ikun hemm ta’ kuljum. Tifhem li dawn in-numri qed joħolqu ansjetà lil ħafna ħaddiema. Din il-Union irċiviet diversi talbiet mingħand il-ħaddiema u qed terġa’ tisħaq li l-postijiet ta’ xogħol jimxu skont il-linji gwida li ħarġu mis-Supretendent ta’ Saħħa Pubblika.

Din il-Union qed tesiġi sabiex l-Gvern jerġa’ jagħti l-opportunità lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-Settur u fis-Servizz Pubbliku biex, min jista’ jkompli jaħdem bit-telework. Dan bħala prekawzzjoni ħalli jitnaqqas il-kuntatt wiċċ imb wiċċ u jkun hemm numru żgħir ta’ ħaddiema fl-istess post. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern għandu wkoll jerġa’ jikkunsidra din il-proposta mhux biss għax kienet esperjenza pożittiva għall-ħaddiema, imma anki għal min iħaddem.

Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li fejn hemm persuni li ma jistgħux jaħdmu bit-telework, il-Gvern għandu jassigura li jkun hemm risk assessment f’kull post tax-xogħol. Dan sabiex is- saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol ikunu salvagwardjati. Għalhekk għandu jkun hemm:

  • distanza ta’ żewġ metri meta tkun tista’ tinżamm;
  • ikun hemm ventilazzjoni tajba fil-post;
  • it-tindif isir ta’ spiss;
  • jiġu provduti sanitizers u lbies protettiv fejn ikun hemm il-bżonn;
  • il-ħaddiema jaraw li jkun hemm perspex screens ħalli l-pubbliku jkun protett;
  • ikun hemm linji gwida kif jiġu immaniġġjati dokumenti/posta;
  • Kwarantina ta’ 15-il ġurnata qabel jirritornaw għax-xogħol il-ħaddiema/klijenti li jkunu siefru;
  • l-ispazji komuni kollha tal-postijiet tax-xogħol għandhom jiġu disinfettati immedjatament b’mod professjonali u jibqa’ jsir hekk fuq bażi regolari. Dan għandu jsir wara l-ħinijiet tax-xogħol.

Il-UĦM Voice of the Workers għadha tal-fehma li l-ħaddiema vulnerabbli bħan-nisa tqal, persuni bid-dijabete u nies bi problemi fis-sistema immunitarja, iż-żmien għadu mhux propizju sabiex dawn il-ħaddiema jkunu esposti ladarba soluzzjoni aħħarija għall-COVID-19 għadha ma nstabitx. L-istess union għadha qed tipproteġi lil dawn il-ħaddiema permezz ta’ tilwima industrijali li kienet irreġistrat f’ 3 ta’ Ġunju 2020. Dan għaliex dawn il-ħaddiema għandhom jiġu protetti minħabba li r-riskju ta’ espożizzjoni għal dan il-virus huwa wieħed enormi.

Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob biex is-sens komun jirbaħ u jittieħdu d-deċiżjonijiet f’waqthom biex is-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini jiġu s-salvagwardjati. Il-UĦM Voice of the Workers tistenna li l-Gvern jilqa’ dawn it-talbiet sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika u dan importanti li jsir billi jittieħdu l-miżuri f’waqthom. Ġaladarba ma jsirx dan din il-Union ma jkollhiex triq oħra ħlief li tuża l-mezzi permessi mill-liġi sabiex tipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema fuq l-postijiet tax-xogħol, lill-familji tagħhom u lill-pubbliku inġenerali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment