Wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, uffiċjali għoljin mill-kumpanija Malta Public Transport (MPT) u minn UĦM Voice of the Workers iltaqgħu b’emerġenza dalgħodu sabiex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.
Il-kumpanija spjegat li kienet qed tiffinalizza l-proċess ta’ verifika b’mod rigoruż biex tiżgura li r-riżultat ikun finali fl-interess tal-impjegati kollha u tal-publiku in-ġenerali biex ikun hemm stabilita’ wara li toħroġ ir-rikonoxximent trejdunjonistiku.
Dalgħodu ntlaħaq qbil li UĦM Voice of the Workers se tingħata rikonoxximent ewlieni nhar il-Erbgħa fil-11 a.m. Intant ġie maqbul li se jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex ukoll nhar il-Erbgħa ssir l-għotja formali ta’ rikonoxximent trejdunjonistiku lil UĦM Voice of the Workers.
Wara li l-Kapijiet Eżekuttivi jindirizzaw lill-media, tissokta l-ewwel laqgħa fejn jiġi maqbul pjan ta’ azzjoni ta’ kif iż-żewg partijiet għandhom ikomplu minn hawn ‘il quddiem. Dan sabiex isir ftehim kollettiv li bih jkunu jistgħu jibbenefikaw il-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Dan il-ftehim se jkun qed jagħti pjattaforma aħjar lill-kumpanija fil-provvediment tas-servizz tagħha lill-pubbliku Malti u Għawdxi.
Iż-żewġ partijiet qablu li b’mod immedjat, l-azzjonijiet industrijali kollha kif ukoll l-azzjonijiet legali fil-qrati, jieġu rtirati.