Il-UĦM illum, permezz ta’ ittra, irreġistrat ir-riserva tagħha għall-mod kif qed jitmexxa l-MCESD. Il-union saħqet li l-livell tad-djalogu soċjali fl-MCESD illum hu ffukat primarjament fuq dak li hu ta’ prijorità għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għad-diversi Ministri fi ħdan il-Kabinett. Tant li kull talba li ssir min-naħa tal-Ministri jew mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tiġi immedjatament milqugħa mingħajr ebda riserva, filwaqt li talba li ssir mill-imsieħba soċjali trid tiġi meqjusa u l-validità u l-importanza tagħha jridu jkunu diskussi.
Agħar minn dan, illum il-UĦM ġiet infurmata permezz ta’ korrispondenza mill-MCESD, li fil-każ ta’ talbiet għal laqgħat min-naħa tal-MCESD, jeħtieġ li jkun hemm consensus mill-imsieħba soċjali li huma membri fil-Kunsill.
Il-UĦM tistqarr li hi dejjem emmnet fir-rwol tal-MCESD fid-djalogu soċjali ta’ pajjiżna. Iżda fl-istess waqt il-UĦM dejjem kellha l-impressjoni li r-rwol tal-MCESD jkun dejjem wieħed indipendenti, fejn l-istess djalogu soċjali ma jkunx ostakolat.
Dan li qed jiġri llum hu preċedent serju li jista’ jiġri lil imsieħba soċjali oħrajn u, għaldaqstant, il-UĦM qed tesprimi r-riservi tagħha għall-mod kif qed jitmexxa l-MCESD.