Il-UĦM Voice of the Workers tappella lill-partiti politiċi sabiex jżommu ‘l bogħod milli jniżżlu lin-nies fit-toroq f’dan il-mument hekk delikat fil-politika Maltija.
Il-protesti s’issa dejjem ġew organizzati mill-għaqdiet volontarji u għandhom ikunu huma li jibqgħu jipprotestaw b’mod ċiviku u responsabbli.
Kemm-il darba l-partiti politiċi jniżżlu lill-partitarji tagħhom fit-toroq, allura l-istorja tieħu bixra oħra – bixra li tista’ iċċajpar l-għan tal-protesti ċivili, fejn il-kwistjoni ssir partiġjana u jkomplu jisħnu l-irjus. Dan kollu jrid jiġi evitat.
Il-UĦM Voice of the Workers, b’umiltà, tappella lill-President ta’ Malta George Vella biex iwassal dan il-messaġġ lill-mexxejja politiċi bħala l-figura paterna f’din il-kriżi nazzjonali.
Il-UĦM Voice of the Workers tappella lill-President sabiex jintervjeni u jdawwal l-imħuħ tal-mexxejja politiċi ħalli jżommu ‘l bogħod milli jiġu organizzati attivitajiet partiġjani.
Din il-union ukoll tappella sabiex id-dibattitu rigward din il-kriżi nazzjonali jsir qabel ma l-istess dibattitu jinżamm fil-Parlament Ewropew.
Fl-aħħarnett, il-UĦM Voice of the Workers tħeġġeġ lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha sabiex waqt li ma jkunux indifferenti għal dak li qed jiġri, iżommu l-kalma.