Il-UĦM Voice of the Workers għadha kemm ikkonkludiet u ffirmat il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema mhux industrijali tal-kumpanija Andrews Feeds (Malta) Limited.
Din il-union ilha taħdem mill-qrib ma’ dan il-grupp ta’ ħaddiema sa mill-1988 u dan permezz ta’ ftehim kollettivi ġodda li jiġu mġedda kull ftit snin.
Dwar il-ftehim preżenti, kienu investiti diversi sigħat u wkoll kien hemm perijodu fejn ġew applikati azzjonijiet industrijali. Waqt dan il-proċess il-UĦM Voice of the Workers u l-kumpanija ressqu aktar qrib xulxin u bid-diplomazija u bis-sens komun intlaħaq qbil dwar titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri kif ukoll żidiet fil-pagi li jkopru sal-2019.
Waqt in-negozjati ntlaħaq arranġament fuq l-arretrati u fuq klawsola li minnha se jibbenefikaw dawk il-ħaddiema li se jirtiraw u jkollhom ammont ta’ snin ta’ servizz fil-kumpanija.
Għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers il-firmatarji kienu Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager – CBU; Ramon Francalanza, Employment Relations Manager – Taqsima Manifattura u Kummerċ, kif ukoll David Caruana, Employment Relations Representative.
Il-ftehim ġie ffirmat ukoll minn Joe Farrugia, Direttur Generali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA); minn Peter Gatt, il-General Manager ta’ Andrews Feeds (Malta) Limited u Michael Diacono, Financial Controller.