It-Taqsima għas-Servizz Pubbliku fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ilha għaddejja b’azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment ghar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi (DIER) sa mit-22 ta’ Ġunju 2015. Dawn l-azzjonijiet ġew ordnati lill-ispetturi fi ħdan id-DIER peress li l-Gvern qed ikun passiv milli jinegozja l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Il-UĦM tinnota li minkejja li dawn id-direttivi daħlu fit-tmien ġimgħa tagħhom, l-amministrazzjoni għadha ma ssottomettiet ebda kontro-proposta għall-proposti li l-UĦM resqet għan-nom ta’ dawn l-ispetturi. Il-UĦM qed titlob sabiex dawn l-ispetturi jingħatalhom kundizzjonijiet aħjar anki meta mqabbla ma’ ħaddiema oħrajn li jaħdmu fi spettorati differenti fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Il-fatt li l-amministrazzjoni baqgħet siekta tul dawn il-ġimgħat ifisser li diversi ċittadini li kellhom bżonn ċertu servizz min-naha tad-DIER baqgħu ma nqdewx minħabba tali azzjonijiet.
L-unika ħaġa li saret min-naħa tal-Gvern hi sejħa ta’ applikazzjoni biex jimtela numru ta’ vakanzi eżistenti li, għalkemm din kienet waħda minn fost it-talbiet li ressqet il-UHM, il-union xorta tħoss li dawn il-ħaddiema mhux qed jiġu trattati b’mod ġust meta mqabbla ma’ ħaddiema f’setturi oħrajn.
Il-UĦM temmen li l-Gvern għandu jassigura li dawn l-ispetturi jingħataw kundizzjonijiet xierqa u jsaħħah din is-sezzjoni bil-għan li jkun jista’ jagħmel is-sorveljanza meħtieġa fid-diversi postijiet tax-xoghol.