UĦM Voice of the Workers kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali biex tirrapreżenta lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT) waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Head Office tal-MPT f’Ħal Qormi lbieraħ filgħodu.
Dan ir-rikonoxximent ġie attwat permezz ta’ ittra uffiċjali li ġiet preżentata minn Julio Tironi, direttur ta’ Autobuses de Leon, lil Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li dan il-ftehim hu avveniment importanti għall-UĦM, għall-ħaddiema membri tal-MPT kif ukoll għall-kumpanija nnifisha. Hu stqarr li, sa fl-aħħar, il-kumpanija tat il-hand-over uffiċjali lil UĦM Voice of the Workers sabiex din il-union tibda tinnegozja dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema. Il-Kap Eżeluttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-proċess kollu mistenni jintemm fi żmien tliet xhur oħra.
Konrad Pule’, il-General Manager ta’ MPT qal li dan l-għarfien trejdunjonistiku hu kisba kbira għall-MPT u għall-ħaddiema. Hu stqarr li l-pass li jmiss hu li tibda d-diskussjoni dwar pjan għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Preżenti għall-ftehim ta’ rikonoxximent ilbieraħ kien hemm ukoll Jesmond Bonello, Direttur u Kenneth Abela, Employment Relations Manager, għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers.