fbpx

Mechanics tal-MPT trattati ta’ magni

Malta_Public_Transport

It-Taqsima Port u Trasport irċeviet diversi lmenti mill-ħaddiema ġewwa l-Malta Public Transport għal mod kif il-management ġdid Spanjol qed jitratta lill-ħaddiema. Fil-fatt, il-UĦM irċeviet diversi lmenti mix-xuffiera, mill-mechanics u mill-cleaners tal-kumpanija.

Mill-informazzjoni mogħtija mill-ħaddiema jidher biċ-ċar li l-management il-ġdid tal-MPT qiegħed kontinwament jintimida lill-mechanics tiegħu bil-għan li jnaqqas il-kundizzjonijet tax-xogħol tagħhom. Fil-fatt kemm il-darba qieghed ukoll jivvinta li ċerti kundizzjonijiet u ħinijiet tax-xogħol huma illegali sabiex fl-aħħar jasal għall-għan tieghu li jbiddel il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Aktar minn hekk, heddet kemm il-darba lil dawn il-ħaddiema li jekk ma jaċċettawx il-kundizzjoniet tiegħu se jċaħħadhom mis-sahra u saħansitra jagħti s-sensji.

Mill-istess sorsi, il-UĦM ġiet infurmata li sabiex jasal għall-għan tiegħu, il-management il-ġdid Spanjol tal-MPT qed iqabbad kuntratturi li jiswew tmien darbiet iżjed minn dawn il-mechanics bil-għan li jintimidahom u jkompli jċaħħad dawn il-ħaddiema mill-introjtu taghhom.
Saħansitra il-UĦM illum ġiet infurmata li l-istess mechanics qed jintalbu biex kull ħidma tagħhom tkun ikkalkulata u ssir skond il-ħinijiet li jiddetta l-istess management. Dan għad-detriment tal-fatt li dawn mhumiex ħaddiema tal-produzzjoni u ċerta għaġla żejda tista’ tfisser li ħaddiem jista’ jweġġa’.

Intant, il-UĦM ġiet infurmata wkoll li l-managaement Spanjol se jdaħħal ħaddiema minn Spanja fil-grad ta’ mechanic sabiex ikompli jimmina d-drittijiet ta‘ dawn il-ħaddiema. Mhux l-ewwel darba li sar dan, tant li ħaddiema Maltin li kienu jnaddfu l-vetturi tal-MPT ġew trasferiti għal xogħol ieħor sabiex jagħmlu spazju għal ħaddiema Spanjoli.

“Dan mhux il-mod kif nitrattaw il-ħaddiema. Aħjar naraw kif is-sussidju li qed jingħata jitgawda għall-ġid tal-ħaddiema Maltin u mhux għall-ħaddiema Spanjoli!,”saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, Josef Vella.

Dawn il-ħaddiema fl-MPT illum qatgħu qalbhom mill-GWU u minflok qed jagħżlu lill-UĦM u minħabba f’hekk qed jirċievu telefonati ta’ theddid mill-head office sabiex ma jibqgħux ibidlu l-union.

Dan l-għaġir fil-mod kif il-ħaddiema tal-MPT qed jiġu trattati, intimidati u mhedda, mhux aċċettabbli.

Intant il-UĦM ser torganizza tliet laqgħat għall-haddiema kollha tal-MPT għada sabiex jiġu diskussi dawn iċ-ċirkustanzi u kif il-management qed jitratta l-kategoriji kollha tal-ħaddiema tal-MPT.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment