fbpx

Strateġija sostenibbli għall-eżistenza tal-Airmalta u mhux theddid lill-impjieg tal-ħaddiema

“Il-Gvern għandu jfittex li jsib l-aħjar strateġija bi pjani konkreti għall-futur tal-Airmalta u mhux jhedded lill-ħaddiema bit-tkeċċija tagħhom jekk ma jaqblux ma’ dak li jiġi offrut lilhom”.

Il-UĦM  Voice of the Workers tistqarr dan b’reazzjoni għal dak li qal Konrad Mizzi, il-Ministru għat-Turiżmu, lill-ġurnal MaltaToday dwar  il-futur tal-Air Malta.

Il-UĦM Voice of the Workers tiddeplora dak li ntqal mill-Ministru Mizzi meta f’kummenti li ta lill-ġurnal hu allegatament stqarr li jekk il-ħaddiema tal-Air Malta u l-unions li jirrappreżentawhom ma jifhmux il-bżonn li jikkooperaw mal-kumpanija biex tqum fuq saqajha u tagħmel profitt, il-Gvern ma jkollu ebda għażla ħlief li jagħlaq l-Airmalta u jwaqqafha mill-ġdid b’ħaddiema ġodda.

Il-UĦM Voice of the Workers jikkundanna dan it-theddid, li jekk il-ħaddiema u l-unions ma jaqblux mal-istrateġija li qed tressaq il-kumpanija Air Malta għall-eżistenza tagħha, il-Gvern hu lest li bla tlaqliq iżarma l-kumpanija u jitfa t-tort fuq il-ħaddiema talli ma kkoperawx mal-pjani tiegħu.

Din il-union tikkontendi bil-qawwa li l-ħaddiema m’għandhomx ikunu l-ħrief tas-sagrifiċċju għall-problemi li l-kumpanija ġarrbet u ħolqot matul  is-snin minħabba pjani fjakki u strateġiji li mhumiex sostenibbli.

Filwaqt li tesprimi solidarjeta’  mal-ħaddiema kollha tal-Airmalta f’dan iż-żmien ta’  tensjoni u inċertezza, il-UĦM Voice of the Workers appellat lill-Gvern biex ma jilgħabx mal-ħobża ta’  kuljum tal-ħaddiem imma minflok jerġa’ jmur fuq il-mejda sabiex isib dik ir-riċetta adekwata li permezz tagħha l-linja nazzjonali tal-ajru tkun kapaċi ssaħħaħ lilha nnifisha.

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment