Il-UĦM Voice of the Workers kienet waħda mill-unions li ffirmat dikjarazzjoni konġunta dwar il-ħarsien mentali fil-post tax-xogħol.
Id-dikjarazzjoni hi impenn mill-firmatarji biex jikkollaboraw b’mod kostruttiv sabiex jgħaqqdu l-qasma bejn il-kliem u l-azzjoni meta jkun hemm kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali fil-post tax-xogħol fl-aħjar interessi ta’ min iħaddem u l-ħaddiema f’Malta.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, fil-kummenti tiegħu wara li ffirma d-dikjarazzjoni għan-nom tal-union, stqarr li llum aktar minn qatt qabel, għandu jkun hemm l-għarfien dwar kif inġibu ruħna ma’ persuni bi problemi mentali. Hu qal li xi ħadd mill-familja tagħna, xi darba jew oħra, jista’ jġarrab problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk għandu nagħtu kas u nieħdu azzjoni ta’ inizjattivi li jippromwovu l-għarfien tas-saħħa mentali.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John M. Cachia qal li din l-inizjattiva dwar il-ħarsien mentali fil-post tax-xogħol qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Richmond. Hu qal li din l-inizjattiva tindirizza qasam fejn hemm lok biex tittieħed azzjoni jekk il-livelli tas-saħħa mentali fuq livell nazzjonali jridu jitjiebu.
Noel Vella, Konsulent fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, qal li s-saħħa mentali għadha inqas kunsidrata mis-saħħa fiżika, tant, li għad hemm ċertu stigma fi kwistjonijiet marbutin ma’ problemi ta’ saħħa mentali. Hu fisser li persuna li hi marida mentalment tista’ taffettwa x-xogħol tal-kollegi tagħha kif ukoll il-morall fil-post tax-xogħol. Hu żied li rridu nkunu kawti sabiex ikun hemm kultura li tieħu ħsieb il-ħaddiem kif ukoll mekkaniżmu li jagħti appoġġ lill-impjegati.
Stefania Dimech Sant, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, kellha kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva li fissritha bħala waħda “imprezzabbli”. Hi qalet li l-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem huma kruċjali u għandhom rwol validu biex jappoġġjaw nies bi problemi mentali. Stefania Dimech Sant żiedet li din id-dikjarazzjoni konġunta hi l-ewwel pass għat-triq ‘il quddiem filwaqt li tinsab entużjasta sabiex jinstabu l-aħjar modi ta’ għajnuna lil ħaddiema morda mentalment.
Intant l-imsieħba soċjali Maltin inġabru għal konferenza tal-aħbarijiet, li saret fil-bini tal-Kunsill Lokali l-Belt nhar it-Tlieta 9 ta’ Ottubru, u rrikonoxxew li saħħa tajba hi meħtieġa u m’hemm ebda saħħa tajba mingħajr saħħa mentali.
Il-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem qablu li jaħdmu flimkien biex iżidu l-għarfien dwar, u jiġġieldu l-istigma li ddur ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, u biex jikkunsidraw l-aħjar modi li permezz tagħhom is-saħħa mentali fil-post tax-xogħol tista’ tissaħħaħ.
Ir-rieda tal-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem biex jikkollaboraw flimkien hi bbażata fuq il-qbil ta’ diversi realtajiet, fosthom, li ħafna persuni li qed ibatu minn kundizzjonijiet ħfief jew moderati qed jaħdmu. Madwar 20 fil-mija tal-popolazzjoni li taħdem ibatu minn tali diżordnijiet; persuni b’mard mentali x’aktarx jaħdmu f’impjiegi li ma jaqblux mal-ħiliet tagħhom; u ħaddiema b’diżordnijiet mentali spiss jieħdu l-leave tal-mard għal perijodi twal aktar minn ħaddiema oħrajn.