Il-UĦM il-bieraħ irreġistrat tilwima industrijali mal-MEPA wara li nhar il-Erbgha ix-shop-steward, membru tal-union u rappreżentant tagħha, ħarġulha trasferiment b’mod ingust b’seħħ immedjat għal ġurnata tal-lum, it-Tnejn, sabiex tirraporta għax-xogħol f’sezzjoni nieqsa minn diversi regolamenti tas-Saħħa u Sigurta. Minkejja li din il-Union ripetutament talbet lill-MEPA kif waslet sabiex talloka lil din il-persuna għal dan it-trasferiment, sal-lum ma kellha ebda tweġiba tanġibbli. Jidher li dan it-trasferiment sar mingħajr ma kien hemm ebda sens ta’ trasparenza jew konsultazzjoni mal-istess Taqsima.
Mhux aċċettabbli li joħorġu trasferimenti ħesrem bl-iskuża ta’ riforma mingħajr ma jiġi segwit xi mudell stabbilit. Fl-istess istanza din l-istess Taqsima ma tistax taċċetta s-sitwazzjoni fejn hi tinsab f’negozjati maċ-change agent imqabbad mill-Gvern sabiex titkellem fuq l-istruttura tal-istess sezzjoni tal-Ambjent (fi ħdan il-Mepa) u f’daqqa waħda mingħajr kunsultazzjoni ma’ ħadd, persuna tiġi trasferita għal post ieħor li l-MEPA ilha taf li ser jigi vakant 8 xhur.
Kien għalhekk li din it-Taqsima rreġistrat tilwima industrijali b’seħħ immedjat ġewwa l-MEPA kollha. Dan sar sabiex jekk kemm-il darba din is-sitwazzjoni ser tibqa` kif inhi, bl-affarijiet isiru mingħajr ebda trasprenza, konsultazzjoni u anke b’sitwazzjonijiet li jkunu ta’ detriment għal saħħet il-ħaddiema, hi tkun libera li tieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn fis-sezzjonijiet kollha tal-MEPA, inkuż ġewwa l-Ippjanar. Il-UĦM se tkun qed tlaqqa’ l-Kumitat tal-Grupp sabiex jiġu mfassla azzjonijiet industrijali f’kaz li l-affarijiet jibqgħu sejrin fin-negattiv.