fbpx

Il-UĦM tikkundanna deċiżjoni li ttieħdet b’mod mgħaġġel

Il-UĦM Voice of the Workers ġiet avviċinata minn diversi ħaddiema tal-Malta Freeport Terminal li jinsabu inkwetati bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li saret il-bierah. F’konferenza organizzata minn Ernst & Young, il-Prim Ministru Joseph Muscat, b’mod ċar, iddikjara li ma jaqbilx li l-Freeport Terminal ikompli jikber u jestendi.

Il-Malta Freeport Terminal jaħdem f’industrija kompetittiva fejn il-bastimenti tal-merkanzija qegħdin kontinwament jikbru. Dan l-iżvilupp jirrikjedi investiment kontinwu mill-istess Freeport Terminal u saħansitra jkollu bżonn medda akbar ta’ art sabiex dawn il-bastimenti jkomplu jattiraw aktar xogħol f’pajjiżna.

Din id-dikjarazzjoni kontra l-iżvilupp tal-Port Ħieles tikkontrasta bil-kbir mad-dikjarazzjoni tal-istess Prim Ministru li ħabbar  l-iżvilupp ta’ nofs il-miljun metru kubu għall-hub loġistiku ġewwa Ħal Far.

Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li l-Freeport Terminal, matul is-snin ta’ eżistenza tiegħu, ikkontribwixxa mhux ftit lill-ekonomija Maltija. Mill-privatizzazzjoni ‘l hawn, il-Freeport investa aktar minn €230 miljun.  Dan  hu investiment  dirett barrani ġewwa pajjiżna. Dan il-post tax-xogħol, direttament u indirettament, joħloq opportunitajiet ta’ mpjiegi bi qligħ lil madwar 1,800 ħaddiem.

Il-Malta Freeport hi fost l-aqwa operaturi fil-qasam fil-Mediterran. In-numru ta’ containers li jgħaddu mill-Freeport hu wieħed straordinarju u dan jixhed il-hidma kbira u effiċjenti tal-ħaddiema u l-investiment qawwi li qed iseħħ bhalissa fil-Malta Freeport.

Il-Malta Freeport igawdi reputazzjoni internazzjonali mill-aqwa u dan ukoll bis-saħħa tal-ħaddiema u l-professjonisti li jaħdmu hem.  Mhux biss imma anki minħabba l-faċilitajiet li għandu l-istess Malta Freeport speċjalment il-makkinarju u l-faċilitatjiet ta’ ħażna u loġistika fejn ukoll sar investiment kemm bħala faċiltatjiet kif ukoll bħala sistemi ta’ informatika.

Preżentement, il-Malta Freeport għandha żewġ terminals b’tul ta’ żewġ kilometri b’kapaċita’ ta’ 650,000 metri kubu għall-ħażna ta’ containers. Il-Malta Freeport qed ikompli jinvesti biex iżid it-tul tat-terminals għal tliet kilometri u dan biex ikompli jespandi l-operat tieġħu inkluż dak loġistiku.

Dan kollu wassal biex il-kontribut tal-Freeport għall-ekonomija Maltija jkun wieħed notevoli u għalhekk il-UĦM Voice of the Workers ma tistax tifhem kif il-Prim Ministru tkellem dwar investiment fil-loġistika u transhipment u wasal għall-konklużjoni li jkun aħjar jekk isir investiment ġdid għall-ħażna ta’ kummerċ f’lokalitajiet differenti u mhux permezz ta’ espansjoni fil-Malta Freeport.

Il-UĦM Voice of the Workers temmen li l-vantaġġ ekonomiku li jgawdi l-Malta Freeport ġej mill-effiċjenza tal-operat u tal-ħaddiema u li ġie akkistat wara snin ta’ ħidma u direzzjoni ta’ policy taħt diversi amminstrazzjonijiet. Dak li ntqal mill-Prim  Ministru jista’ jwassal għal direzzjoni differenti ħafna minn dak li s’issa wassal biex il-Malta Freeport tkattar l-investiment tagħha u dan jista’ jkun ta’ detriment għall-istess Malta Freeport u tal-ħaddiema li jaħdmu hemm.

Barra minn hekk  id-deċizjoni li tħabbret mill-Prim Ministru l-bieraħ hi ta’ tħassib dwar kif il-Gvern qed jara l-futur tal-Freeport. Il-UĦM Voice of the Workers u l-ħaddiema tal-istess Malta Freeport Terminal  jeħtiegu tweġibiet mill-Gvern dwar il-futur ta’ l-għixien tagħhom u kif id-dikjarazzjonijiet imħabbra mill-Prim Ministru se jaffettwaw il-futur tal-Freeport.

Il-UĦM mhux kontra li jkun hemm żvilupp sostenibbli imma wara li jsiru studji ambjentali neċessarji. Din il-union kienet qed tistenna li qabel ma l-Prim Ministru jeskludi kategorikament l-espansjoni fil-Freeport kellha ssir analiżi ambjentali.

Sadattant il-UĦM kienet qed tistenna li l-Gvern jixpruna aktar tkabbir tal-investiment  eżistenti f’pajjiżna u mhux iħabbar, b’ċerta leġġerezza, deċiżjonijiet li jistgħu inaqqru mill-kompetittivita ta’ kumpanija li ilha s-snin tikkontribwixxi lill-ekonomija ta’ pajjiżna.

F’dawn iċ-ċirkustanzi jkompli jidher in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u djalogu soċjali f’Malta, fejn deċizjonijiet daqshekk sensittivi jitħabbru fuq il-mezzi tax-xandir mingħajr ma jkun hemm diskussjoni mal-istake holders kollha.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment