F’kelmtejn tal-okkażjoni waqt riċeviment għall-pensjonanti, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, fisser il-ħidma imprezzabbli li l-union għamlet b’risq il-ħaddiema li ssarrfet f’riżultati pożittivi. L-attivita’ saret f’Villa Arrigo, San Pawl tat-Tarġa l-Erbgħa 19 ta’ Diċembru 2018.
Hu stqarr li saru ħafna ftehim kollettivi u settorali u ta’ dan kollu rringrazzja lill-managers u lill-istaff tal-UĦM Voice of the Workers. Hu qal li kulħadd għen fix-xogħol tal-union u dan għax il-UĦM għandha tim magħqud. Josef Vella rringrazzja lill-management tal-union għall-inizjattiva li ħa sabiex organizza dan il-festin annwali għall-pensjonanti ta’ UĦM Voice of the Workers.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ukoll fakkar fil-proġett ta’ tisbiħ tal-Head Office tal-union li bdew ix-xogħlijiet fuqu sabiex jitlesta sal-2020.
Min-naħa l-oħra, hu qal li d-djalogu soċjali qed jiġi ostakolat tant li qed jiġi ineffettiv. Mhux ta’ b’xejn li l-UĦM Voice of the Workers irrikorriet għal miżuri legali fejn marret il-Qorti biex id-drittijiet tal-ħaddiema ma jibqgħux jiġi kkalpestati. Josef Vella qal li tressqu numru ta’ mandati fil-Qorti, bl-aħħar wieħed li jikkonċerna l-qagħda tal-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu fuq il-bastimenti tal-Gozo Channel. Dawn il-ħaddiema qed jitħallsu inqas mill-ħaddiema tal-kumpanija u b’hekk il-prinċipju ta’ ‘ħlas indaqs għall-istess xogħol’ mhux qed jiġi inforzat.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li sfortunatament l-arroganza f’dan il-każ tant hi kbira li l-kuntrattur la attenda laqgħat ta’ konċiljazzjoni għand id-Direttorat tax-Xogħol u lanqas ma attenda seduti l-Qorti. Kollox ma’ kollox, il-Qorti tat raġun lill-UĦM imma s-sentenza favuriha mhux biżżejjed. Din il-union se tkompli taħdem biex id-deċiżjoni tal-Qorti tissarraf u allura se tiftaħ kawża fil-jiem li ġejjin biex il-ħaddiema tal-kuntrattur jingħataw dak li ħaqqhom.
Josef Vella rrefera wkoll għall-intoppi li din il-union qed issib fil-qasam tas-Saħħa. Hu qal li din il-union kellha negozjati fuq numru ta’ ftehim settorali iżda l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex dawn jiġu konklużi. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers appella lill-Gvern biex dak li hu dritt tal-ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa jingħata bla dewmien żejjed.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, awgura l-isbaħ xewqat lill-pensjonanti preżenti għal Milied hieni u l-bidu ta’ sena ġdida mimlija saħħa.