fbpx

Proposti mill-UĦM Voice of the Workers għall-Budget 2017

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat il-proposti tagħha għall-Budget 2017 f’konferenza  tal-aħbarijiet li saret fil-Head Office tal-union il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2016.

Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU) u l-Malta Police Association (MPA) ukoll ħabbru l-proposti tagħhom fl-istess attivita’.

Fost il-15-il proposta  mressqa minnha, il-UĦM Voice of the Workers terġa’ tisħaq dwar il-bżonn li terġa’ tiddaħħal il-Pensjoni tax-Xogħol (is-Second Pillar Pension) biex nissalvagwardjaw il-futur tal-pensjonijiet f’Malta. Għal dan  il-għan il-union se tikkummissjoni studju apposta.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li filwaqt li t-tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin kien wieħed għoli, l-inflazzjoni baqgħet relattivament baxxa. Il-union ukoll tosserva  li r-rata ta’ l-inflazzjoni għadha bbażata fuq il-Household Budgetary Survey (HBS) ta’ aktar minn ħames snin ilu. Għalhekk il-UĦM VOW qed tħeġġeġ lill-Gvern sabiex ilesti il-HBS 2015 u b’hekk idaħħal fis-seħħ mill-aktar fis-possibbli dak li qed ikun meqjus mill-pubbliku bħala rilevanti għall-konsum illum.

Fuq il-kwistjoni tal-btajjel pubbliċi  li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, il-UĦM targumenta li jagħmel iżjed sens li wieħed jingħata kumpens finanzjarju milli jingħata l-btajjel pubbliċi lura.  Il-Union qed tipproponi l-ħlas massimu ta’ €200 kull sena bħala kumpens lil min hu bil-mimimum wage.  Dan  il-ħlas ikun inqas għal min jaqla’  iżjed. Din il-proposta, li tiswa €17.4 miljun, tista’ isservi biex issaħħaħ il-produttivita’ fost dawk  li  jirċievu  l-kumpens.

Il-UĦM ukoll qed tisħaq dwar dibattitu fost l-imsieħba soċjali sabiex titwaqqaf  living wage li sservi bħala  kejl għal ftehim kollettiv.  Din il-union issostni li l-living wage m’għandhiex tkun mandatorja.

Il-UĦM tisħaq li hemm bżonn ta’ miżuri aktar effettivi biex inkomplu nżidu l-produttivita’ fil-qasam tax-xogħol. Il-Gvern irid jara li l-produttivita’ verament tingħata l-imbottatura li jixirqilha.

Rigward l-Early School Leaving Rate, il-UĦM issostni  li ma tridx tara fabbrika taċ-ċertifikati imma għandna ndawru ċ-ċertifikati f’ħiliet. Din il-union tisħaq li ġejjieni tagħna jiddependi mill-ħiliet u kwalifiki ta’ uliedna u għalhekk hemm bżonn li t-tagħlim jissaħħah f’pajjiżna.

Aktar proposti fid-dokument mehmuż:

proposti-ghall-budget-2017

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment